Lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti
Iċ-Ċentru tal-Kurrikulu
Triq Sarria
Il-Furjana FRN 1460
Illum is-26 ta’ Settembru 2020, il-Jum Ewropew tal-Lingwi
Għażiż President,
Għeżież Membri,
L-ilsien Malti huwa element ewlieni li jagħmilna min aħna, li jsawwarna f’poplu distint u uniku fost il-ġnus. Għalhekk meta dħalna fl-Unjoni Ewropea insistejna u nnegozjajna, kultant kontra lkurrent, biex il-Malti jkun meqjus lingwa uffiċjali tal-Unjoni.
Minn dik il-kisba twieldu ħafna oħrajn. Industrija tat-traduzzjoni b’bosta kumpanniji Malta u mijiet ta’ impjegati barra. Dan għen ukoll b’mod indirett għall-konsolidament u r-rispett akbar tal-lingwa fostna stess.
Meta fl-2004 l-istituzzjonijiet Ewropej adottaw Deroga għall-ilsien Malti, jien kont iġġelidt biex din ma tiġix estiża. Bħala kandidat MEP u anke bħala funzjonarju Ewropew imbuttajt dejjem lugwaljanza tal-lingwi u l-użu tal-Malti b’mod partikolari, tant li dejjem ktibt lill-Istituzzjonijiet Ewropej bil-Malti u insistejt li jirrisponduni bil-Malti. Mal-President tal-Parlament Ewropew Tajani dejjem insistejt li d-diskorsi ewlenin tiegħu jkunu tradotti u mxerrda bil-Malti wkoll, dan għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew.
Ċert li m’iniex waħdi f’din l-għożża ta’ lsienna. Mijiet jew eluf oħrajn, inkluż intom fuq dan il- Kunsill, iġġibu ’l quddiem il-Malti f’kull aspett tal-ħajja. Huwa għaldaqstant ta’ niket u rabja għalija li nikkostata li l-Gvern Malti, dak li jrid jimplimenta u jħares l-aktar il-kisbiet u d-dinjit. tagħna fl-Ewropa, qiegħed sistematikament iċedi u jirrinunzja għad-dritt tagħna l-Maltin li nitkellmu, niktbu u nirċievu lura risposti bil-Malti.
Dan jidher ċar minn serje ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fejn il-Qorti tieħu nota li lkawża tista’ ssir bl-Ingliż għax il-Gvern Malti jirrinunzja għad-dritt li ssir bil-Malti. Fil-fatt minn 21 kawża li involvew lil Malta fl-aħħar snin, kienu biss 8 istanzi fejn il-Gvern Malti uża l-ilsien Malti. Fi 13-il kawża irrinunzja għad-dritt li jressaq il-kawża bil-Malti.
Dik l-istess attitudni ta’ disprezz lejn l-ilsien tagħna issa qed tidher ukoll f’serje sħiħa ta’ deċiżjonijiet u korrispondenza bil-miktub tal-Gvern Malti mal-Kummissjoni Ewropea fejn il- Kummissjoni qed tiddikjara li l-Gvern Malti jirrinunzja għad-dritt li għandu skont l-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont ir-Regolament 1/1958 li effettivament jikteb u jistenna risposta mill-istituzzjonijiet kollha Ewropej fil-lingwa Maltija, u qiegħed minflok jikteb u jistenna risposta biss fil-lingwa Ingliża. Qed nannetti hawnhekk eżempju wieħed ta’ din il-prattika biss b’xhieda ta’ prattika mifruxa u sistematika (vide paragrafu 2).
Dan huwa assolutament inaċċettabbli. Lanqas nista’ biss nimmaġina pajjiż ieħor fl-Ewropa li jasal li jittratta l-ilsien tiegħu b’dan il-mod. Nixtieq nissottolinea li fl-Ewropa ma nistgħux niġu rispettati jekk ma nafux nirrispettaw lilna nfusna. Mingħajr ma nelabora f’dettall, nemmen li intom konxji wkoll tal-impatt dirett ta’ prattika bħal din fuq il-bżonn ta’ tradutturi, interpreti u qarrejja tal-provi fl-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll tal-ħafna effetti indiretti, fosthom fuq ilqasam kbir tat-tagħlim ta’ lsienna u l-kuraġġ lil dawk kollha involuti fih.
Għalhekk qed nikteb lilkom illum, il-Jum Ewropew tal-Lingwi, bħala l-istituzzjoni Maltija responsabbli mill-promozzjoni u d-difiża tal-ilsien Malti, b’talba biex tikkunsidraw dawn il-fatti hawn fuq u biex tieħdu azzjoni adegwata f’dan ir-rigward bil-ħsieb li l-ħsara li qed issir tiġi indirizzata u kkoreġuta fil-ġejjieni. Qed nikkopja wkoll għall-korrettezza u għall-informazzjoni lill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej l-Onorevoli Evarist Bartolo kif ukoll lill-Ministru tal- Edukazzjoni l-Onorevoli Owen Bonnici.
Dispost nelabora aktar jekk meħtieġ.
Nistenna mingħandkom,
Peter Agius
Kandidat Elezzjoni Ewropea
kellimni@peteragius.eu
cc:
L-Onorevoli Ministru għall-Affarijiet Ewropej Evarist Bartolo
L-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici
L-Akkademja tal-Malti
Id-Dipartiment tat-Traduzzjoni u Interpretazzjoni fl-Universit. ta’ Malta
L-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi bil-Malti
>> Ittra Lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti <<
>>Anness: Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2020) 6220 final tat-8 ta’ Settembru 2020<<
Recent Comments