Domanda Parlamentari lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Stephane Sejourne dwar il-building codes (eurocodes) fil-qasam tal-Kostruzzjoni u mandat speċjali lil JRC biex jgħin fl-introduzzjoni tal-building codes f’Malta
Għażiż Kummissarju Sejourne,
F’Malta l-bini qed joqtol in-nies. Skont l-ESO qed imutu tlett darbiet aktar f’inċidenti mill-medja fl-Ewropa.
Irridu naġixxu biex nipproteġu l-ħajjiet u s-saħħa ta’ dawk li jaħdmu fil-kostruzzjoni, bħal ma kien Jean Paul Sofia, li ħalla ħajtu traġikament f’binja li waqgħet fuqu u fuq 6 oħra minn sħabu.
Hemm bżonn nipproteġu s-serħan il-moħħ tar-residenti biex qatt aktar ma jerġa jiġri li ġara lil Miriam Pace li kienet qed tgawdi l-mistrieħ ta’ dara meta din waqgħet fuqa għax ta’ ħdeja kien qed iħammel il-plot bla superviżjoni b’ħaddiem bla ebda kwalifika.
L-adozzjoni tal-Building Codes Ewropej kif emendati reċentement hija intenzjonata li żżid is-sigurta’ u tgħolli l-istandards fil-pajjiżi membri. Iżda minkejja r-rakkomandazzjonijiet Ewropej u minkejja l-40 rakkomandazzjoni għal riformi li saru f’inkjesta pubblika Sofia, f’Malta l-building codes baqgħu ma daħlux. Jidher li dawn għadhom fil-‘pipeline’ u kont stqarrijiet pubbliċi, jidher li kienu lesti tlett snin ilu iżda baqgħu ma ġewx approvati fil-livell politiku.
Nitlob lill-Kummissjoni telabora x’sar sa issa fuq livell Ewropew fuq dawn il-building codes.
Għaliex hemm numru ta’ pajjiżi fosthom Malta fejn għadhom ma ġewx adottati bi sħiħ u partikolarment fuq Malta fejn dawn baqgħu ma daħlux?
X’inhi l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-istat tal-affarijiet preżenti f’Malta u kif din tirrakkomanda li dawn jiġu indirizzati?
Nafu li l-Joint Research Centre għandu l-missjoni li jappoġġja l-pajjiżi b’taħriġ, gwida u l-implimentazzjoni tal-building codes. Tista’ l-Kummissjoni Ewropea tagħti mandat speċifiku lil JRC biex jeżamina aktar mill-qrib is-sitwazzjoni f’Malta, u jislet rakkomandazzjoni minn din l-analiżi?
Napprezza l-attenzjoni mill-qrib tal-Kummissjoni Ewropea dwar dan.
Peter AGIUS
MEP għal Malta u Għawdex
ghaljeanpaul_pq_kummissjoni_ewropea_building_codes_final[1] (2) (1)