Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li se tieħu miżuri sabiex tindirizza d-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw s-sajjieda Maltin li jistadu għal-lampuki, b’sajjieda Tuneżini li jistadu illegalment bil-kannizzati tagħhom. Din il-konferma min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea waslet wara l-laqgħat li kellu l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius fl-aħħar ġimgħat ma’ uffiċjali għolja tal-Kummissjoni fi Brussell.
Filwaqt li l-Unjoni Ewropea introduċiet regolamenti ġodda, naqset milli tipprovdi wens u protezzjoni meħtieġa lis-sajjieda Maltin. Matul il-laqgħat, Peter Agius spjega kif is-sajd bil-kannizzati għal-lampuki tirrikjedi preparazzjoni minn xhur qabel mis-sajjieda u tressqu provi miġbura mil-laqgħat mas-sajjieda Maltin li juru bastimenti Tuneżini jiksru l-liġi, u kif għal din is-sitwazzjoni jeħtieġ soluzzjoni Ewropea u koperazzjoni internazzjonali mal-awtoritajiet Tuneżini.
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li se tkun qed taħdem fil-qrib mal-awtoritajiet Maltin sabiex tevalwa din il-problema u tesplora possibilitajiet ta’ azzjoni. Se tikkunsidra wkoll miżuri li jistgħu jittieħdu fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) sabiex din it-tip ta’ attività tiġi irregolata bl-aħjar mod, filwaqt li lesta teżamina s-sitwazzjoni f’oqsma oħra tas-sajd inkluż għall-pixxispad, li jużaw l-istess tip ta’ tagħmir sabiex jinstabu soluzjonijiet xierqa.
Il-Kummissjoni Ewropea żiedet li qed taħdem biex tistabbilixxi governanza ġdida fil-Mediterran permezz tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni MedFish4Ever bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ġusti u ugwali għas-sajjieda u sajd sostenibbli.
Fi stqarrija maħruġa mill-istess Peter Agius flimkien mad-deputat Edwin Vassallo, il-PN insista illi wara din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, se jibqa’ jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni mal-uffiċjali responsabbli sabiex il-Kummissjoni ma tkaxkarx saqajha fuq din il-kwistjoni.
Recent Comments